Il-lingwa tiegħi, dari: il-Malti

Kemm taf dwar il-lingwa Maltija? Mhux wisq? F’dan l-episodju l-ġdid mis-sensiela “Il-lingwa tiegħi, dari” tista’ ssir taf aktar dwar il-lingwa mitkellma fil-gżira ċkejkna, Malta.

Miktub minn Sephora Francalanza / 16.1.2017

Parti I: My language, my home, Catalan

Aktar ma jgħaddi żmien, donnu li l-lingwa Maltija aktar qiegħda titqies bħala inferjuri għal-lingwi oħrajn, partikolarment meta mqabbla mal-Ingliż. F’pajjiż ossessjonat bid-duwaliżmu – fejn hawn tnejn minn kollox: blu u aħmar, każin u ieħor, il-Malti jsib ruħu ras imb ras mal-Ingliż. Fil-verità, jekk wieħed kellu jistaqsi lir-raġel komuni Malti għaliex jagħti aktar importanza lill-Ingliż mil-lingwa tiegħu stess, dan jgħidlek għax il-Malti m’għandniex bżonnu aktar, meta hu mitkellem u użat f’dil-gżira biss, minn 400 000 persuna biss. Imma dak li mhux kulħadd jirrealizza hu x’ġawhra hu l-ilsien Malti u kemm għadda minn sofferenzi u tibdil biex wasal hawn illum, biex għadu jeżisti fl-2016.

Klixè veru, iżda l-lingwa Maltija hija verament ta’ min jgħożżha. Il-fatt biss li għandna lingwa tagħna f’pajjiż daqshekk ċkejken – lingwa li hi użata fil-gazzetti, fil-letteratura, fuq l-internet, fuq it-televixin, fit-teatru, hija xi ħaġa li ma nagħtuhiex wisq importanza, imma li ta’ min nirrikonoxxuha. Mhux l-ewwel darba li xi ħadd barrani staqsieni dwar il-lingwa tagħna, u kważi dejjem nirċievi l-istess reazzjoni ta’ sorpriża u faxxinu meta ngħidilhom li l-Malti hu taħlita ta’ influwenzi minn lingwi oħra u li għadu mitkellem illum. Għaliex aħna mela, ma nsibuhx affaxxinanti daqs il-barranin? Forsi għax drajnieh, forsi għax nistkerrhuh għax ġej mill-Għarbi, forsi għax jinstema’ salvaġġ f’kuntrast mal-Ingliż. Jew forsi għax ma nafux biżżejjed dwaru. Meta ngħid lin-nies li nistudja l-Malti, dejjem jgħiduli l-istess ħaġa – “Jekk inti Maltija… mhux diġà tafu l-Malti?” Kemm hemm affarijiet li fadalli x’niskopri imma! Lekċer wara lekċer, insir naf xi ħaġa ġdida dwar il-lingwa tiegħi u nsir naf kemm għadni ma nafx dwarha.

malta-map

Malta fil-Baħar Mediterran

Kif nafu sewwa, il-Malti hija l-unika lingwa Semitika li tuża l-alfabett Latin. Filwaqt li l-punti grammatikali bażiċi bħall-artiklu, il-forom tal-verbi, il-pronomi, in-numri, il-konjugazzjonijiet, il-vokabularju bażiku, dak aktar primittiv, li jirrifletti ħajja aktar sempliċi, ġejjin mill-Għarbi, mid-djaletti Għarab, l-iżjed mit-Tuneżin, it-tiżjin tal-lingwa huwa meħud mil-lingwi Rumanzi, dawk ġejjin mil-Latin. X’irrid ngħid b’dan? Huwa bħallikieku l-bieb huwa Għarbi u s-sopraporta hija Rumanza, Taljana biex inkun aktar eżatta. U fil-fatt, il-kelma nnifisha ‘bieb’ ġejja mill-Għarbi باب /bab/, filwaqt li sopraporta ġejja mit-Taljan. B’hekk permezz ta’ dan l-eżempju naraw li l-kelma għall-ħaġa bażika normalment tkun ġejja mill-Għarbi filwaqt li l-kelma għal dak li jżejjinha, biex ngħidu hekk, normalment tkun ġejja mit-Taljan, forsi anke l-Isqalli, jew il-Franċiż jew l-Ispanjol. B’hekk, ma’ nom ġej mill-Għarbi, inżidu prefissi u suffissi Taljani, u dan hu l-qofol tat-taħlita li ssawwar l-ilsien Malti.

Xi ħaġa interessanti li għamel il-Malti kienet li meta ħa kelma mill-Għarbi snin twal ilu, peress li din il-kelma ingħalqet hawn Malta, fi gżira iżolata minn pajjiżi oħra, din ma baqgħetx tiżviluppa, filwaqt li fl-Għarbi jaf saret tfisser xi ħaġa oħra biż-żmien. Dan għaliex il-Malti żamm kliem arkajku Għarbi, dak li deher fil-Koran, pereżempju l-kelma ‘sodda’ ġejja mill-Għarbi Klassiku, filwaqt li fid-djaletti Għarab, li huma dawk li jużaw biex jitkellmu, jużaw kelma simili għal ‘friex’ / ‘alfarash’, li fil-Malti, għalkemm relatata, ma tfissirx eżattament l-istess ħaġa.

Aktar ma għadda ż-żmien wara l-ħakma Għarbija, aktar Malta kompliet tiġi Ewropejizzata, u dan jirrifletti fil-lingwa stess. Ninnutaw kif illum il-ġurnata nużaw ‘bonġu’, ‘bonswà’, li ġejjin mill-kelmiet Franċiżi ‘bonjour’ u ‘bon soir’, iżda l-Franċiżi ġew Malta fl-1798, u l-Kavallieri fl-1530, allura qabel dan iż-żmien, x’kien jingħad hawn Malta minflok dan? Minflok ‘bonġu’, kien jingħad ‘sbieħ il-ġid’, li x’aktarx nisimgħuha stramba llum il-ġurnata.

Żid mal-element Għarbi u l-element Taljan/Sqalli l-element Ingliż u għandek il-Malti tal-lum. L-Ingliż dieħel f’kull lingwa permezz tal-lessiku ġdid teknoloġiku, iżda f’Malta għandu pożizzjoni partikolari, għaliex huwa wkoll lingwa uffiċjali. Bħala persuni bilingwi, aħna l-Maltin irridu nsibu bilanċ bejn il-Malti u l-Ingliż, u mhux dejjem jirnexxilna nagħmlu dan. Minħabba li ħin kollu nisimgħu l-Ingliż fuq il-midja, xi kultant insibuha aktar faċli nesprimu ruħna bl-Ingliż, anke minħabba l-fatt li xi wħud minna marru skola privata fejn kellhom jitkellmu bl-Ingliż biss, ħlief waqt il-lezzjonijiet tal-Malti. U din hija ħasra, għaliex x’hemm aħjar mil-lingwa tiegħek stess biex tgħid kif tħossok? Sfortunatament ukoll, illum tisma’ ħafna nies li jitkellmu taħlita ta’ kemm l-Ingliż u l-Malti li ma jagħmel ġid lill-ebda lingwa.

Minkejja dan, f’Malta xorta waħda jibqgħu ħajjin il-varjetajiet tal-lingwa, id-djaletti. Għalkemm aħna pajjiż ċkejken f’nofs il-Mediterran, tikka fuq il-mappa, xorta waħda għandna l-lingwa tagħna, u mhux talli hekk, talli tvarja skont il-post fejn tiġi mitkellma. Huma bosta l-istudji li saru u li għadhom isiru dwar il-famużi djaletti, li jinżammu ħajjin mhux mill-kbar biss, imma ħafna drabi huwa l-każ li anke ż-żgħar jikbru jitkellmu bid-djalett. Iż-Żebbuġi, il-Qormi, iż-Żejtuni, tal-Kottonera, kif ukoll f’Għawdex, fejn huwa aktar prominenti d-djalett, pereżempju fix-Xewkija u fin-Nadur. Fix-Xewkija, kif ukoll fil-Kottonera, pereżempju, għad hemm nies li “jitkellmu bil-k”, kif ngħidu aħna, jiġifieri minflok ‘qattus’ jgħidu ‘kattus’, minflok ‘qamar’ jgħidu ‘kamar’. Fl-Għarb pereżempju, għad hemm min jippronunzja l-‘h’ bħala ‘ħ’ – jgħid ‘deħeb’ minflok ‘deheb’. Dan iqarreb il-lingwa aktar lejn l-oriġini tagħha, f’dan il-każ, l-Għarbi. Din hija pronunzja li qiegħda tmut ftit ftit, u li kulma jmur qisna aktar li nistmerruha għaliex narawha xi ħaġa tal-antik, iżda għandna napprezzaw il-fatt li rnexxielha ssalva sas-sena 2016.

Fil-fatt, hemm nies li jirrikonoxxu kemm hi meravilja din il-lingwa tagħna u huma bosta l-lingwisti li jistudjawha u jeżaminawha għaliex il-lingwa hija xi ħaġa ħajja, li tibqa’ tiżviluppa, u tgħallmek dwar l-istorja, il-pajjiż, u s-soċjetà li tappartjeni minnha. Tistgħu timmaġinaw s-sorpriża li ħadt meta darba smajt lil waħda Ġermaniża tiddiskuti l-grammatika tal-Malti ma’ barranin oħra u tfehemhom kif issawwar il-Malti. Avviċinajtha għax bqajt imbellha li xi ħadd barrani se jkun jaf daqshekk dwar il-Malti. Kienet lingwista Ġermaniża li għażlet li tiffoka l-istudju tagħha fuq il-Malti u li tiġi hawn Malta minn żmien għal żmien sabiex tosserva l-mod kif nikkomunikaw aħna l-Maltin u tipprova tifhem aktar dwar din il-lingwa tagħna. Hi qaltli wkoll li f’università fi Brehmen fil-Ġermanja qiegħed jiġi mgħallem il-Malti. Dak il-ħin għidt lili nnifsi li saħansitra persuna barranija ħadet daqshekk interess f’ilsienna, filwaqt li l-maġġoranza tagħna l-Maltin inwarrbuh u donna nistħu nużawh, għaliex għandna t-tendenza narawh bħala informali wisq, u fil-fatt, meta niġu biex niktbu xi ittra formali jew xi email, anke biex nagħmlu telefonata rigward xi appuntament, sirna nużaw l-Ingliż, għaliex il-Malti nqisuh bħala wisq inferjuri. Attitudni li fl-opinjoni tiegħi, għandha tinbidel, għaliex jekk ma nkunux aħna l-Maltin, ulied dan l-ilsien, li nżommuh ħaj, min se jkun?

Sabiex intemm dan l-artiklu, għażilt xi versi minn poeżija ta’ Anastasju Cuschieri, li dehret fir-rivista Leħen il-Malti fl-1937, u li għadhom jgħoddu sal-ġurnata tal-lum.

 

‘Ilsien Pajjiżi’

Fost l-ilsna kollha, ja lsien pajjiżi,

Isbaħ u bħalek jien ma narax;

Ruħi mingħajrek, bħal fomm imbikkem,

Li jrid jitkellem u ma jistax.

 

Għani f’faqartek, kbir fi ċkunitek

Taqbel ma’ qalbi, taqbel mal-ħsieb;

Bik fuq xufftejja il-mewt għad nara

Tad-dinja l-oħra tiftaħli l-bieb.

Tista ’tisma’ l-poeżija hawn . (Program 6, 2:50 – 4:25)

[crp]

Awtriċi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: BA fil-Malti u l-Ingliż

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php